Varat programm ta’ taħriġ akkreditat għall-aġenti tal-proprjetà

Reference Number: PR201457, Press Release Issue Date: Jul 29, 2020
 
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni Chris Agius varaw programm ta’ taħriġ għall-aġenti tal-proprjetà li ser ikun akkreditat mill-Istitut għall-Istudji tat-Turiżmu (ITS) fir-raba’ livell fuq il-Qafas Malti tal-Kwalifiċi (MQF  level 4) u li se jingħata mill-istess istitut bil-kollaborazzjoni tal-MDA Academy. Il-kors huwa twil tliet xhur, b’żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa. L-applikanti jistgħu jagħżlu jekk jattendux dan il-kors filgħodu jew filgħaxija. Il-lezzjonijiet se jiġu offruti b’modi varji ta’ tagħlim (blended learning). Dan wara r-riforma fis-settur li mexxa s-Segretarju Parlamentari Agius fil-ġimgħat li għaddew. 

Il-Ministru Ian Borg qal, “Għandna gvern riformista li huwa kommess li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u tas-servizzi kollha li jmissu magħhom in-nies. Ma waqafniex biss mal-obbligu tal-liċenzja. Illum qegħdin hawnhekk wara l-MDA Academy u l-ITS li se jaraw li minn Ottubru li ġej, l-aġenti tal-proprjetà jingħataw taħriġ speċjalizzat f’ħiliet li jgħinuhom iwettqu xogħol aħjar u jagħtu servizz aqwa. Nemmnu fil-professjonisti tagħna u f’kull inizjattiva ta’ taħriġ u żvilupp professjonali, filwaqt li rridu niżguraw li nipproteġu lil min qed jinvesti fil-proprjetà. Kommessi li nkomplu naraw aktar nies sidien ta’ djarhom. Bdejna bl-iskemi tal-first time buyers u s-second time buyers, b’roħs fil-boll għax-xiri ta’ proprjetà f’Żoni ta’ Konservazzjoni Urbana jew f’Għawdex, u issa qed nagħmlu pass ieħor favur servizz ta’ kwalità.” 

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li “filwaqt li l-MDA se tkun qed tiffoka fuq il-kompetenzi tekniċi meħtieġa minn aġenti tal-propjetà, l-ITS se tipprovdi lill-istudenti l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa f'suġġetti speċifiċi bħalma huma customer care, imġieba tal-konsumatur, immaniġjar amministrattiv kif ukoll taħriġ tekniku ta’ kif agent ibiegħ. Dawn huma komponenti transversali li huma relevanti għall-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità imma wkoll indispensabbli għal dawk li jridu jaħdmu fis-settur tal-propjetà immobbli. "

Il-Ministru żiedet tgħid li wara li ġimgħat ilu nedejna uffiċjalment il-prospectus il-ġdid tal-ITS li jinkludi żewġ korsijiet ġodda u l-ewwel tax-xorta tagħhom fuq bażi internazzjonali u bħalissa għaddejja kampanja sħiħa ta' reklutaġġ għal studenti prospettivi ġodda. “Bi pjaċir ngħid li hemm numri inkoraġġanti ħafna partikolarment fuq korsijiet ta' livell akkademiku għoli. Dan jawgura tajjeb biex ikollna żvilupp sostenibbli fl-edukazzjoni marbuta ma' dan is-settur,” temmet tgħid il-Ministru Farrugia Portelli.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li din il-liġi l-ġdida kienet bżonnjuża ferm, anke peress li din l-attività ħafna drabi tinvolvi l-akbar investiment f’ħajjet ix-xerrej. Huwa fakkar li mill-31 ta’ Diċembru 2021 ’il quddiem, kull min iwettaq l-irwol ta’ sensar jew aġent ta’ proprjetà immobbli jew irwol ta’ manager jew konsulent fis-settur tal-proprjetà, irid ikollu l-liċenzja  maħruġa skont l-Att tal-2020 dwar l-Aġenti tal-Proprjetà Immobbli u tas-Sensara u Konsulenti tal-Proprjetà. Huwa qal li għalhekk, dan il-programm ta’ taħriġ li se jibda fi ftit xhur oħra se jkun qiegħed jagħti lin-nies li joperaw f’dan is-settur iċ-ċans biex jippreparaw ruħhom sakemm il-liġi tidħol fis-seħħ. ​

Il-Prinċipal tal-MDA Ray Abela qal, “Mill-bidu tal-MDA Academy f’Jannar 2020, flimkien mal-President tal-MDA Sandro Chetcuti, ħdimna bla heda biex noffru l-industrija b’korsijiet ta’ taħriġ akkreditati u rikonoxxuti bl-għan li nrawmu aktar informazzjoni u edukazzjoni, u biex intejbu l-għarfien tar-responsabilitajiet fost dawk li jaħdmu fl-industrija. Illum hija kisba oħra għall-MDA Academy, hekk kif iddiversifikajna f’settur ieħor importanti fl-ekonomija, it-taħriġ tal-aġenti tal-proprjetà immobbli.”

Fost affarijiet oħra, il-programm ta’ taħriġ jiffoka fuq saħħa u sigurtà, kwalità ta’ servizz, media soċjali, proċessi tal-ippjanar, aspetti legali u tal-artijiet, taħriġ finanzjarju fuq taxxi u self, kif ukoll kuntratti. Biex wieħed ikun eliġibbli jeħtieġ li jkollu 18-il sena jew aktar, ikollu O-Level fil-matematika u fl-Ingliż jew 5 snin esperjenza u Livell 2 jew aħjar fil-ħiliet bażiċi tal-Informatika. Kors addizzjonali ta’ 20 siegħa qiegħed jiġi offrut lill-managers f’dan is-settur. ​
​​​