50 karozza tal-linja ġdida b’investiment ta’ €11-il miljun

Reference Number: PR201315, Press Release Issue Date: Jul 10, 2020
 
Fil-Park and Ride tal-Furjana, il-Malta Public Transport żanżnet 50 karozza tal-linja ġdida biex jingħaqdu mal-flotta tagħha li diġà hija fost l-aktar moderni fost il-pajjiżi Ewropej. B’investiment ta’ €11-il miljun, il-flotta issa telgħet għal total ta’ 428 karozza tal-linja li kollha għandhom magna Euro 6 minflok Euro 5, bil-għan li jkunu aktar ambjentalment sostenibbli.

Fost il-karatteristiċi li wieħed isib fuq dawn il-karozzi tal-linja hemm l-aċċessibbiltà, spazju fejn tiċċarġja l-mobile u żieda fil-kapaċità ta’ kull karozza tal-linja hekk kif minflok karozzi ta’ 9 metri issa dawn se jkunu ta’ 12-il metru u b’hekk jistgħu jgħabbu aktar nies. F’kull karozza tal-linja issa se jkunu jistgħu joqogħdu kważi 100 persuna.

F’konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbar dan l-investiment, il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-aħħar snin is-servizz tat-trasport pubbliku fil-gżejjer Maltin rajnieh jagħmel qabża kbira ta’ kwalità bis-saħħa tal-investiment kbir li kompla jsir fil-vetturi li llum huma mgħammra bl-aqwa faċilitajiet għall-passiġġieri.

Il-Prim Ministru żied li llum il-pubbliku Malti u Għawdxi reġa’ kiseb il-fiduċja fis-servizz tal-karozzi tal-linja. Fil-fatt, fl-ewwel xahrejn tas-sena biss, il-karozzi tal-linja għabbew madwar erba’ miljun u ħames mitt elf passiġġier kull xahar, żieda ta’ 19 fil-mija jew medja ta’ miljun passiġġier aktar kull xahar meta mqabbel mas-sena li għaddiet.

Dr Abela sostna li dan is-suċċess ma ġiex b’kumbinazzjoni iżda kien frott tar-riforma li twettqet fis-servizz tat-trasport pubbliku. Ħidma sfiqa li wettqu l-awtoritajiet regolatorji flimkien mal-operatur tat-trasport pubbliku biex tfasslu rotot li qed jaqdu lin-nies, li żiedu l-effiċjenza u biex dan is-servizz ikun tal-ogħla livell.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg sostna li dan l-investiment qed jagħmel il-flotta Maltija waħda mill-aktar nodfa u l-iżgħar f’termini ta’ età għal kull karozza.

Il-ministru fakkar li l-ministeru, flimkien ma’ Transport Malta u mal-Malta Public Transport, qed ikomplu jaħdmu sabiex iktar nies jużaw it-trasport pubbliku biex jivjaġġaw anke permezz ta’ infrastruttura adekwata fejn jidħlu bus shelters. Il-Ministru għat-Trasport qal li sas-sena li għaddiet

madwar 60,000 persuna gawdew minn trasport pubbliku b’xejn permezz tal-inizjattivi Bus20+ u Bus75+.
​​​​​​​