Imnedija l-kampanja ‘Fuq il-baħar kun prudenti’

Reference Number: PR201276, Press Release Issue Date: Jul 06, 2020
 
Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mat-tmexxija ta’ Transport Malta nedew kampanja edukattiva biex iżżid l-għarfien ħalli tgħin biex tnaqqas ir-riskju ta’ inċidenti fuq il-baħar, bl-isem ta’ ‘Fuq il-baħar kun prudenti’. Biswit il-bajja tal-Ġnejna fl-Imġarr, il-Ministru Ian Borg qal li din il-kampanja qed tiffoka kemm fuq dawk li joħorġu bid-dgħajsa, kif ukoll fuq l-għawwiema.

Il-kampanja għal dawk li jużaw id-dgħajjes tiffoka fuq żewġ binarji. L-ewwel fuq il-limitu tal-veloċità, bil-għan li nevitaw milli jkun hemm xi inċidenti. Fil-fatt, mal-40% tal-kontravenzjonijiet li l-awtorità ħarġet is-sena l-oħra kienu minħabba l-limitu tal-veloċità. Din il-kontravenzjoni kienet bil-bosta l-iktar waħda frekwenti.​

Il-Ministru Borg appella għall-prudenza u ħeġġeġ lil kull min joħroġ bid-dgħajsa biex iżomm mal-limitu tal-veloċità prinċipali – 10 knots fil-portijiet, 200 metru mill-blat u 300 metru mir-ramel. Il-veloċità permessa tinżel sa 3 knots f’marinas u fejn irmiġġi oħra. Il-kampanja qed tiffoka wkoll biex tqajjem għarfien għall-periklu li jista’ jinħoloq meta min isuq id-dgħajsa jkun xorob.

Dr. Ian Borg fakkar li Transport Malta għandha l-iskwadra tagħha ta’ infurzar fuq il-baħar, li jgħinu biex tinżamm id-dixxiplina fuq il-baħar. S’issa, l-iskwadra diġà wettqet ’il fuq minn elf spezzjoni, ħarġet ’il fuq minn 300 kontravenzjoni u iktar minn 100 twiddiba. Huwa għalhekk li Transport Malta kontinwament qed tkompli tinvesti f’din l-iskwadra u fin-nies tagħha, kemm permezz ta’ taħriġ għall-uffiċjali, kif ukoll fit-tagħmir li dawn jużaw.

Il-kampanja ‘Be Safe at Sea’ hija mmirata wkoll għall-għawwiema. L-awtorità ħejjiet 56 żona għall-għawm fl-iktar bajjiet popolari fil-gżejjer Maltin. Din is-sena żiedu tnejn fuq is-sena l-oħra – waħda f’San Tumas, Wied il-Għajn, u oħra fil-Kalanka, Delimara. Il-Ministru għat-Trasport ħeġġeġ lill-għawwiema biex fejn huwa possibbli jgħumu f’dawn iż-żoni għas-sigurtà tagħhom.

Għas-sidien tad-dgħajjes, bi preparament għas-Sajf, minbarra l-manutenzjoni li ssir ta’ kull sena, l-awtorità ppreparat mal-40 rampa madwar Malta u Għawdex b’tabelli u żebgħa, sabiex tevita li xi wħud jingumbrawhom.

Huwa kkonkluda billi ħeġġeġ ukoll lill-għawwiema u lis-sidien tad-dgħajjes biex ma jħammġux la fuq il-bajjiet u lanqas fil-baħar u ħeġġeġ lill-pubbliku sabiex igawdi l-baħar mingħajr inċidenti, b’rispett lejn kulħadd u lejn l-ambjent.​
​​​​​​